Appell mill-PN għal diskussjoni fuq kif il-coronavirus qed jaffettwa lil Għawdex

Id-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin għamlu appell sabiex jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari għal Għawdex sabiex jiġi diskuss kif il-coronavirus qed jaffettwa lil Għawdex, issa li f’Malta tfaċċat it-tieni mewġa.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista ntqal li d-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin jinsabu mħassbin dwar l-imxija l-ġdida tal-Covid-19 u l-impatt tagħha fuq Għawdex. Dan it-tħassib jinsab ukoll fost il-komunità Għawdxija, partikolarment minħabba d-daqqa li ħa t-turiżmu f’Għawdex minħabba din il-pandemija.

Għaldaqstant, il-Membri Parlamentari Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar bagħtu talba formali lill-MP Justyne Caruana li tmexxi dan il-Kumitat sabiex jiltaqgħu ħalli jiddiskutu din il-kwistjoni.

Fost is-suġġetti li jridu jiddiskutu hemm kemm hemm nies infettati bil-virus, kif is-servizzi tas-saħħa qed jilqgħu għall-effetti tal-virus, kif l-aċċess għall-gżira qed jiġi kkontrollat u kif tinsab l-ekonomija Għawdxija u kif se tintlaqat.

Fl-14 t’Awwissu, Newsbook.com.mt żvela li ħaddiem fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex instab pożittiv għall-coronavirus. Madankollu, ma ngħatat l-ebda informazzjoni uffiċjali mill-awtoritajiet tas-saħħa fuq dan il-każ.

Il-ġimgħa li għaddiet ukoll, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qalu lil din il-kamra tal-aħbarijiet li għalissa m’hemmx pjanijiet biex vjaġġi ta’ gost lejn Għawdex jitwaqqfu, u jitħallew jaqsmu ż-żewġ gżejjer dawk li jkollhom bżonn biss, ngħidu aħna għal xogħol.

Madankollu, huma qalu li qegħdin josservaw kif tiżvolġi s-sitwazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn