Appell mill-Papa għal min jipprotesta u min jiggverna

Andreas Solaro/Pool via REUTERS

Il-Papa Franġisku, fid-diskors tiegħu ta’ wara l-Anġelus tal-Ħadd, tkellem dwar “il-ħafna manifestazzjonijiet popolari ta’ protesta” li qed ikun hemm madwar id-dinja.

Il-Papa iddedika ftit ħsibijiet dwar dawk kollha li qed jipprotestaw f’diversi manifestazzjonijiet madwar id-dinja hekk kif temm jgħid l-Anġelus mal-folol li l-Ħadd filgħodu nġabru fi Pjazza San Pietru.

Huwa qal li dawn il-protesti “jesprimu d-diżappunt li dejjem qed jikber” tan-nies dwar diversi “sitwazzjonijiet politiċi u soċjali” kritiċi.

Il-kliem tiegħu fil-konfront ta’ kull min qed jipprotesta kien dak li jħeġġiġhom jippreżentaw l-aspettattivi tagħhom “b’mod paċifiku mingħajr ma jaqgħu għat-tentazzjoni li jkunu agressivi u vjolenti.”

Filwaqt li dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn dawk li huma fil-gvern u li għandhom responsabbiltajiet pubbliċi, il-Papa Franġisku appellalhom sabiex “jisimgħu il-leħen taċ-ċittadini tagħhom u filwaqt li jilqgħu l-aspettattivi ġusti tagħhom, għandhom jiżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet umani u l-libertajiet ċivili.”

Huwa kellu wkoll kelmtejn għall-“komunitajiet ekklesjastiċi” f’oqsma li qed jesperjenzaw protesti simili. Huwa stieden lil dawn il-komunitajiet “sabiex jagħmlu dak kollu li huwa possibbli favur id-djalogu”u “favur ir-rikonċiljazzjoni”, taħt id-direzzjoni tal-mexxejja tagħhom.