Appell mill-Gvern: Ħu t-tilqima tal-ħożba

DOI - Omar Camilleri

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li Malta qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha biex ma tixteridx il-marda tal-ħożba.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Mater Dei, il-Ministru qal li fl-Ewropa mietu 90,000 persuna  minħabba l-ħożba u kien għalhekk li l-Gvern kien qed jagħti t-tilqima tal-ħożba b’xejn lill-infermiera li jaħdmu fl-isptar Mater Dei.

Magħrufa aħjar bħala t-tilqima tal-MMR, din it-tilqima tipproteġi lill-pazjenti mill-ħożba, il-gattone u l-ħożba ġermaniża li huma kollha infezzjonijiet potenzjalment serji. Il-ħożba tista’ twassal għall-mewt jew infezzjoni fil-moħħ, b’konsegwenzi serji ta’ diżabilità mentali.

Il-Ministru xejjen għal kollox l-aħbar li din it-tilqima hija marbuta mal-awtiżmu u qal li hemm studji xjentifiċi kontra din it-teorija li sejjħilha bħala invenzjoni.

Qal ukoll li f’Malta 94% tat-tfal ħadu l-ewwel doża tat-tilqima u 91% ħadu t-tieni doża.

Akkumpanjat minn diversi ħaddiema ġodda, il-Ministru qal li llum bdew jaħdmu 100 infermier ġdid u ġab it-total ta’ infermiera ġodda matul din is-sena għal 140. Huwa stqarr li hem mil-pjan li sal-aħħar ta’ din is-sena jidħlu 60 infermier ġdid fis-servizz pubbliku, 20 minnhom mistennija jerġgħu jidħlu jaħdmu wara li rriżenjaw u l-40 l-oħra se jkunu barranin b’sejħiet li saru apposta.

Spjega li minħabba ż-żieda fis-servizzi offruti, il-Gvern impjegat aktar mill-medja ta’ dawn l-aħħar sitt snin fejn il-medja kienet ta’ 100 infermier ġdid kull sena.

Huwa mistenni li sa tmiem din is-sena n-numru ta’ infermiera ġodda jkun laħaq madwar 200.