Appell mill-Gvern: Evita tgħanniq u bews

L-awtoritajiet appellaw lin-nies biex iżommu lura milli jieħdu b’idejn xulxin, jgħannqu jew ibusu lill-ħbieb jew maħbubin tagħhom.

Fil-bulettin dwar il-coronavirus maħruġ illum, il-Gvern għamel dan l-appell, meta ħabbar ukoll li llum inqabdet persuna barra mill-kwarantina obbligatorja u 34 persuna nqabdu barra fi gruppi ta’ iżjed minn erba’ persuni. Dawn kollha ġew immultati.

Il-Gvern wissa li kwalunkwe kuntatt fiżiku jista’ jwassal għat-tixrid tal-coronavirus, minkejja li dawn kienu użanzi naturali u diffiċli li wieħed jidra jevitahom.

It-twissija tal-Gvern kienet li, “La nafu jekk għandniex il-virus u lanqas jekk ħaddieħor għandux. Aktar u aktar jekk sintomi m’hemmx. Għalhekk nibqgħu dixxiplinati, viġilanti u nżommu d-distanza soċjali. Fuq kollox nużaw il-maskri jekk se mmorru nixtru jew nużaw it-trasport pubbliku u ma nitħalltux.”

Illum tħabbru 14-il każ ġdid tal-coronavirus, bidla sinifikanti mill-ftit każijiet li kienu qed jitħabbru fl-aħħar jiem. Dan għaliex ilbieraħ sar numru rekord ta’ testijiet li qabeż l-1,300. Nofs il-każijiet il-ġodda kienu mill-komunità u ma kellhomx rabta mal-każijiet imħabbrin qabel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn