Appell mill-Caritas biex l-istudenti jiġu mgħallma aktar dwar l-effetti tad-drogi sintetiċi

Id-Direttur ta' Caritas Malta, Leonid McKay appella lill-awtoritajiet biex fl-iskejjel issir ħafna aktar ħidma biex l-istudenti jiġu mgħallma aktar dwar id-drogi, l-aktar dawk sintetiċi.
Waqt iċ-ċerimonja ta' gradwazzjoni li saret f'San Blas, fejn 19-il persuna temmew b'suċċess il-programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga, Leonid McKay saħaq li d-droga eroina għadha l-aktar droga b'saħħitha f'Malta, iżda qed jiżdied ukoll l-użu tal-kokaina u tad-drogi sintetiċi, li mhumiex siguri u legali.
Id-Direttur qal li l-isfida tal-Caritas hi li mhux biss li tara x'effetti jħallu d-drogi, iżda anke dwar kif se taġġorna s-servizzi tagħha skont il-ħtieġa tas-soċjetà.
Spjega kif matul is-sena li għaddiet, aktar minn 600 persuna fittxew is-servizzi tad-droga tal-Caritas. 6% tan-nies li missew mas-servizzi mhux residenzjali tal-Outreach,  kellhom bejn l-14 u d-19-il sena. Kien hemm ukoll żieda fl-għadd ta' nies li għandhom 'il fuq minn 40 sena u talbu l-għajnuna minħabba d-droga.
Leonid McKay qal li fl-2014, 19% tan-nies li talbu għall-għajnuna kellhom 'il fuq minn 40 sena u sostna li dan hu fenomenu li jrid ħafna aktar attenzjoni.
Leonid McKay, li ilu jmexxi l-Caritas għal dawn l-aħħar tmien xhur, irringrazzja lill-fundatur tal-Caritas, Mons. Victor Grech li "ħalla wirt kbir fil-qasam tal-ġustizzja soċjali …u li dejjem tkellem b'mod ċar dwar ċertu pjagi soċjali imma li dejjem żamm il-persuna fiċ-ċentru."
McKay ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin il-Caritas se tippubblika żewġ riċerki: waħda dwar in-nies li jabbużaw minn xi sustanza iżda mhux qegħdin f’xi servizz residenzjali tal-aġenziji, waqt li t-tieni riċerka hi dwar kif 12-il żagħżugħ u żagħżugħa jħarsu lejn id-droga mill-fażi ta' esperimentazzjoni sad-dipendenza.
Din il-ġimgħa beda x-xogħol fuq ix-Xelter tan-Nisa f'San Blas, bil-għan ewlieni tiegħu hu li n-nisa bil-problema tad-droga, jingħataw aktar għajnuna olistika.
Id-Direttur ta' Caritas Malta, Leonid McKay, ta kelmtu li l-Caritas "se tibqa’ minn ta’ quddiem sabiex mhux biss tkun ta servizz, iżda wkoll titkellem dwar dawk kollha fil-'periferija’."
Kull min jixtieq jagħmel kuntatt mal-Caritas jista' jċempel fuq: 2590 6600, jibgħat imejl fuq info@caritasmalta.org jew inkella jidol fuq il-websajt www.caritasmalta.org.