Appell mill-awtoritajiet minħabba l-periklu fit-toroq

L-awtoritajiet qed jappellaw biex is-sewwieqa jsuqu b’aktar galbu hekk kif it-toroq qed jiżolqu ħafna kawża tax-xita li għamlet aktar kmieni dalgħodu.
Kawża ta’ dan iż-żlieq dalgħodu seħħew tliet inċidenti f'inqas minn erba' siegħat.
Għall-ħabta tat-8am fi Triq Sant’Andrija f’Pembroke kien hemm ħabta bejn trakk u karozza, fl-10.30am erba’ karozzi skiddjaw fi Triq Reġjonali f’Santa Venera u għall-ħabta tal-11am karozza skiddjat u ħabtet mal-crash barriers fi Triq Aldo Moro fil-Marsa.
Kawża ta’ dawn l-inċidenti nħolqu konġestjonijiet tat-traffiku f’diversi akwati hekk kif it-toroq kellhom jingħalqu sakemm is-sitwazzjoni reġgħet ġiet taħt kontroll.
Il-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li ħadd ma weġġa’ f’dawn l-inċidenti, madanakollu qed tappella lis-sewwieqa biex isuqu b'galbu.
Ritratt: Arkviji