Appell lill-PM: “Ibni mina taħt l-art”

Read in English.

Ir-residenti ta’ Ħ’Attard bagħtu ittra lill-Prim Ministru, iffirmata minn 432 resident, titolbu biex jerġa’ jikkunsidra li tinbena bypass ġo Ħ’Attard.

Huma saħqu li din il-bypass, parti mis-Central Link Project, se tkun qiegħda teqred art agrikola ODZ u taffettwa 47 bidwi.

Fl-ittra lill-Prim Ministru, ir-residenti elenkaw numru ta’ riżultati negattivi li joħorġu jekk issir din il-bypass, fosthom li jintilef spazju għall-parkeġġ fi Triq Ferdinand Inglott u Triq Tumas Chetcuti, storbju li jdejjaq lir-residenti f’7 toroq f’Ħ’Attard u fl-akkwati, kif ukoll li jkollhom jinqerdu xi rziezet li jkabbru l-annimali f’dawk l-inħawi.

Ir-residenti ssuġġerew lill-Prim Ministru li minflok tinbena bypass, tinbena mina taħt l-art, li tevita l-problema ta’ storbju u d-distruzzjoni ta’ art verġni.

Francis Zammit Dimech jitlob għall-parir tal-Kummissjoni Ewropea

L-MEP Malti Francis Zammit Dimech staqsa lill-Kummissjoni Ewropea x’taħseb dwar jekk il-proġett tas-Central Link jimxix mal-prijoritajiet tal-Fond għall-Koeżjoni u pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli għat-trasport li tippromwovi l-Kummissjoni.

Huwa qal li l-Gvern ma jidher li wettaq l-ebda assessjar ta’ kif dan il-proġett se jinfluwenza lis-soċjetà u lit-traffiku.