Appell lill-partiti politiċi: “Tniżżlux in-nies fit-toroq”

Il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-partiti politiċi sabiex iżommu ‘l bogħod milli jniżżlu lin-nies fit-toroq “f’dan il-mument hekk delikat fil-politika Maltija”.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li l-protesti s’issa dejjem ġew organizzati mill-għaqdiet volontarji u li għandhom ikunu huma li jibqgħu jipprotestaw b’mod ċiviku u responsabbli.  Fissret li kemm-il darba l-partiti politiċi jniżżlu lill-partitarji tagħhom fit-toroq, l-istorja tieħu bixra oħra, issir partiġġjana u jkomplu jisħnu l-irjus.

Appellat lill-President George Vella biex iwassal dan il-messaġġ lill-mexxejja politiċi bħala l-figura paterna f’din il-kriżi nazzjonali u jżommu ‘l bogħod milli jiġu organizzati attivitajiet partiġġjani. Appell ieħor tal-unjin kien li d-dibattitu dwar il-kriżi nazzjonali jsir qabel mal-istess dibattitu jinżamm fil-Parlament Ewropew.

“Waqt li ma tkunux indifferenti, żommu l-kalma”, il-UĦM ħeġġet lill-Maltin u lill-Għawdxin.

Dan l-appell għamlu lill-poplu Malti u Għawdxi, Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata, fejn ħeġġeġ biex ma jattendux għal rallies organizzati mill-partiti politiċi għax qal li dan mhux il-mument ta’ politika tat-tribujiet. “Joseph Muscat irid li niftħu gwerra kontra xulxin. Il-gwerra tagħna hija kontra l-korruzzjoni, kontra l-uffiċċju tiegħu, l-uffiċċju tal-Prim Assassin” kompla jgħid.