Appell lill-PA: Tapprovax guest house ta’ ħames sulari f’Wied Għomor

Front Ħarsien ODZ qed jappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex ma tapprovax il-ħruġ ta’ permess għal guest house ta’ ħames sulari f’Wied Għomor fis-Swieqi.
Fi stqarrija, il-Front jindika li oriġinarjament dan is-sit kien jikkonsisti f’maħżen ta’ 60 metru kwadru.
Il-Front jinsab imħasseb ukoll li qed jiġi approvat żvilupp fl-istess żona, li fl-2015 l-Awtorità tal-Ippjanar approvat 200 metru kwadru għal żvilupp, kontra l-parir tad-Direttorat tal-Ippjanar.  Irrimarka li issa l-istess Awtorità tal-Ippjanar qed tingħata l-parir mill-istess direttorat biex tapprova guest house ta’ ċertu kobor.
Fid-dawl ta’ dan, il-Front Ħarsien ODZ qed jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità għall-Amjent u r-Riżorsi (ERA), li qed toġġezzjona għall-iżvilupp, “minħabba l-impatt viżiv fuq Wied Għomor u għax joħloq preċedent dwar artijiet oħra vojta fiż-żona”.