Appell lill-kumpaniji u l-għaqdiet biex jagħtu d-demm

Il-bank tad-demm jappella biex f’dan l-istaġun tal-festi l-kumpaniji, l-għaqdiet u każini u entitajiet oħra jieħdu l-okkazjoni u jorganizzaw inizjattiva tal-għoti tad-demm.

Il-bank tad-demm qal li dawn l-attivitajiet jgħinu biex itaffu ftit mill-piż tal-pazjenti li għandhom bżonn id-demm kif ukoll jagħtu sodisfazzjoni kbir lil min ikun ta d-demm.

Il-bank tad-demm ħeġġeġ biex dawn l-inizjattivi jsiru kemm jista’ jkun malajr. Min hu interessat jista’ jibgħat email fuq customercare.nbts@gov.mt jew messaġġ privat fuq is-sit personali tagħhom ta’ facebook.

Dawk kollha li jixtiequ jagħtu d-demm jistgħu jagmlu dan:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM mit-8:00am sas-6:00pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm).
  • fil-Berġa l-ġdida tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Ħadd 2 ta’ Diċmebru (mit- 8.00am sas-1.00pm) u t-Tlieta 4 ta’ Diċembru (mis-1.00pm sal-5.00pm) se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.