Appell lill-konsumaturi biex jirrispettaw lill-ħaddiema tal-ħwienet

police-health-authorities-inspections-quarantine-coronavirus-25
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kamra tal-SMEs fi stqarrija appellat lill-konsumaturi biex jirrispettaw lill-ħaddiema tal-ħwienet hekk kif huma qed jippreparaw biex jerġgħu jibdew jagħtu s-servizzi tagħhom min-nhar it-Tnejn li ġej. Appellaw ukoll biex il-konsumaturi josservaw ir-regoli fiċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-coronavirus.

Lill-politiċi, il-Kamra tal-SMEs qaltilhom biex jiżguraw li l-miżuri li kienu tħabbru jiġu implimentati u estiżi għal kulħadd u biex ikomplu jisimgħu u jirreaġixxu b’miżuri adekwati għall-iżviluppi li mistennija li jseħħu.

Ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru, il-Ministru għas-Saħħa u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Gvern ħabbar li mit-Tnejn li ġej xi stabbilimenti kummerċjali jistgħu jerġgħu jibdew jiftħu.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-SMEs qalet li din id-deċiżjoni se ġġib għadd ta’ sfidi fosthom minħabba riżorsi umani li jridu jibqgħu d-dar minħabba uliedhom iżda anke minħabba l-kirjiet tal-postijiet li joperaw minnhom.

Huma għalhekk qalu li l-ftuħ tan-negozji min-nhar it-Tnejn li ġej irid isir b’ħafna paċenzja u kooperazzjoni mingħand kulħadd. Appellaw biex il-ħaddiema jadattaw kemm jista’ jkun malajar biex in-negozju li fih jaħdmu jkun jista’ jerġa’ jibda jopera mill-ġdid.

Appellaw ukoll lil min jikri li ċ-ċirkostanzi preżenti huma ‘l bogħod minn dik ta’ business as usual u għalhekk jeħtieġ li jsir sforz min-naħa tagħhom ukoll.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn