Appell lill-ġenituri dwar il-ħożba

Is-supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci appellat ill-ġenituri biex jassiguraw li t-tfal tagħhom ikunu ħadu ż-żewġ dożi ta’ tilqim kontra l-ħożba meta kienu żgħar. F’kummenti li tat lill-midja lokali, Dr Gauci saħqet li f’każ li t-tilqima ma kinitx ingħatat, din tista’ tingħata bla ħlas mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Spjegat kif bħalissa hemm il-possibiltà li tinfirex il-ħożba meta digà kien hawn 5 każijiet rappurtati fuq adulti li kienu msefrin barra minn Malta.

Hawnhekk emfasizzat l-importanza li tingħata t-tilqima kontra l-ħożba, partikolarment għal dawk l-adulti li m’għandhomx evidenza li kienu tlaqqmu fi tfulithom. Dr Gauci qalet li dan huwa iktar importanti fid-dawl ta’ każ minnhom fejn il-ħożba ttieħdet minn persuna għal oħra f’Malta stess.

Qalet li diversi pajjiżi Ewropej oħra kellhom firxa ta’ ħożba fosthom l-Italja, Franza, il-Greċja, ir-Renju Unit u oħrajn.