Appell lil tobba biex ma jkunux kompliċi mal-assenteiżmu

Filwaqt li saħaq li qed jirreferi għal minoranza, f’intervent fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici appella lil tobba biex ma joħorġux “ċertifikati mediċi fażulli” u biex ma jkunux “kompliċi” mal-assenteiżmu tat-tfal fl-iskola.

Hu faħħar l-inizjattiva tal-Gvern li torbot għajnuna finanzjarja lil familji fir-riskju tal-faqar mal-fatt li wliedhom jintbagħtu l-iskola, bħala mezz kif il-Gvern jiġġieled l-assenteiżmu b’inċentiv.

Hu sostna li l-mod ta’ kif wieħed jista’ jiġġieled il-faqar, problemi soċjali bħad-droga u problemi ta’ kriminalità, hu billi jinkoraġixxi l-edukazzjoni fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

Owen Bonnici kien qed jitkellem fid-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien).

B’rabta mal-ġlieda kontra d-droga, is-Segretarju Parlamentari saħaq li għandu jkun hemm differenza fil-ġlieda kontra min jagħmel profitt mid-droga u mhux ġlieda kontra min hu vittma.

Hu staqsa x’riforma jista’ jagħti l-ħabs f’każijiet bħal pussess ta’ droga u staqsa jekk hux il-waqt li tinħoloq struttura li tevalwa l-ħtiġijiet ta’ għajnuna għall-vittma mil-lat soċjali. Hu qal li l-prinċipju għandu jkun li l-Qrati juru qalb soċjali mal-vittmi ġenwini li jkunu disposti li joħorġu mill-vizzju.

Owen Bonnici qal li l-Gvern se jniedi White Paper dwar dan is-suġġett u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet interni.