APPELL:  “L-isptar morru biss jekk riferuti jew f’emerġenza”

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, Dr Charmaine Gauci saħqet li ħafna mill-każijiet tal-influwenza jistgħu jiġu tratatti mit-tabib tal-familja. Saħqet li b’hekk, ħadd m’għandu jmur l-isptar sakemm ma jkunx riferut mit-tabib jew jekk ma jkunx fi stat ta’ emerġenza.

Dr Gauci qalet danwaqt il-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK103FM.

AQRA: “Jekk iżżur l-isptar bħalissa, nitolbok tirringrazzja lill-ħaddiema” – CEO ta’ Mater Dei

Hi spjegat li minn sorveljanza li saret mit-tobba tal-familji, l-influwenza qiegħda dejjem tiżdied.

AQRA: ‘Qed nistennew l-akbar ammont ta’ pazjenti tal-influwenza fil-jiem li ġejjin’

X’inhi d-differenza bejn influwenza u riħ komuni?

Dr Charmaine Gauci fissret li meta taqbdek l-influwenza, tħoss is-sintomi malajr, li jdumu madwar ġimgħa:

  • Taqbdek uġigħ ta’ ras u uġigħ mal-ġisem kollu
  • Ħafna drabi jitlagħlek id-deni
  • Taqbdek ukoll sogħla u anke uġigħ fil-griżmejn.

Dr Gauci sostniet li nies vulnerabbli bħal tfal u anzjani jsofru iżjed mis-sintomi tal-influwenza.

Mill-banda l-oħra, meta jaqbdek riħ komuni:

  • Tibda’ tħossok ftit ma tiflaħx,
  • Jibda’ jkollok ftit flissjoni
  • Ma tantx jitla’ deni.

U jekk tieħu t-tilqima?

Jekk tieħu t-tilqima, xorta tista’ taqbdek l-influwenza għax jista’ jkun li l-vajrus li jkun qed jaħkmek ikun differenti minn dak li kien fit-tilqima.  Però mit-testijet li saru, irriżulta li fil-maġġoranza tal-każijiet tal-influwenza, huma każijiet ta’ H1 jew inkella H3, li huma koperti bit-tilqima.

X’għandek tagħmel?

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika tappella biex:

  • Titlaqqam
  • Jekk ma tiflaħx tmurx skola jew xogħol
  • Agħtas u isgħol ‘il bogħod minn ħaddieħor kemm jista’ jkun
  • Aħsel idejk spiss.

Dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima, jistgħu jagħmlu dan miċ-Ċentri tas-Saħħa, li huma miftuħin mill-10am sal-5pm.