‘Fuq il-baħar kun prudenti’ hija kampanja ġdida bil-għan li jiġu mħarsa aktar ir-regolamenti ta’ dawk li joħorġu bid-dgħajsa.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien ma’ Transport Malta qed jagħmlu diversi appelli biex jitnaqqsu r-riskji ta’ inċidenti fl-ibħra Maltin:
- Limitu ta’ veloċità fil-portijiet: 10 knots, 200 metru mill-blat u 300 metru mir-ramel
- Limitu ta’ veloċità f’marinas u rmiġġi oħra: 3 knots
- Ma jinstaqux dgħajjes taħt l-influwenza tal-alkoħol
- Tingumbrawx 40 rampa madwar Malta u Għawdex li TM ippreparat b’tabelli u żebgħa
Skont il-Ministru, TM għandha l-iskwadra ta’ infurzar fuq il-baħar, li s’issa, diġà wettqet ’il fuq minn elf spezzjoni, ħarġet ’il fuq minn 300 kontravenzjoni u iktar minn 100 twiddiba.
Żoni tal-għawm ġodda
Il-kampanja ‘Be Safe at Sea’ hija mmirata wkoll għall-għawwiema. L-awtorità ħejjiet 56 żona għall-għawm fl-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin. Din is-sena żiedu tnejn fuq is-sena l-oħra – waħda f’San Tumas, Wied il-Għajn, u oħra fil-Kalanka, Delimara.
Lill-għawwiema u lis-sidien tad-dgħajjes, il-Ministru ħeġġiġhom biex ma jħammġux la fuq il-bajjiet u lanqas fil-baħar.