Appell imqanqal mill-Papa biex jieqaf il-ġlied fil-Libja

Vatican Media/­Handout via REUTERS

Il-Papa Franġisku lbieraħ appella biex iż-żewġ naħat fil-gwerra ċivili Libjana jieqfu immedjatament mill-ġlied u jaħdmu favur il-paċi. Hu ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tiffaċilita d-diskussjonijiet filwaqt li tħares ir-refuġjati u l-migranti li kienu vittmi tal-krudeltà. 

F’diskors passjonali fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku qal li kien muġugħ bis-sitwazzjoni fil-Libja, pajjiż li baqa’ bla awtorità ċentrali stabbli sa minn mindu twaqqa d-dittatur Muammar Gaddafi mir-ribelli appoġġjati min-NATO fl-2011.

Għal aktar minn ħames snin, il-Libja kellha gvernijiet u parlamenti rivali fil-Lvant u l-Puntent, bit-toroq ikkontrollati minn gruppi armati u ġlied sporadiku.

Il-Papa Franġisku qal: “Jekk joġġħobkom! Nappella lill-entitajiet internazzjonali li għandhom responsabbiltajiet politiċi u militari biex jerġgħu jibdew b’konvinzjoni u rieda tajba, it-tfittxija ta’ triq lejn it-tmiem tal-vjolenza, li twassal għal paċi, stabbiltà u għaqda fil-pajjiż.”

Is-Sibt li għadda, l-Eġittu ħabbret inizjattiva ġdida għal-Libja, filwaqt li r-Russja u t-Turkija, li jappoġġjaw naħat differenti fil-kunflitt, ipposponew laqgħat ministerjali dwar dan il-kunflitt. Fi stqarrija, it-Turkija qalet li “iż-żewġ pajjiżi se jkomplu bil-kuntatt bejniethom fil-ġranet li ġejjin iżda l-laqgħat fuq livell Ministerjali se jsiru aktar tard”.

Iż-żewġ naħat jinsabu wkoll fuq naħat opposti anke fis-Sirja, fejn ir-Russja qed tappoġġja lill-President Bashar al Assad filwaqt li t-Turkija qed tipprovdi appoġġ lill-ġellieda tal-Oppożizzjoni. Fil-Libja, Ankara qed tappoġġja l-Gvern ta’ Unità Nazzjonali, li huwa rikonoxxut internazzjonalment, filwaqt li Moska, flimkien mal-Eġittu, provdiet riżorsi lill-Armata Nazzjonali Libjana bbażata fil-Lvant tal-pajjiż.

F’dik li jidher li kienet referenza għall-pandemija tal-coroanvirus, il-Papa Franġisku qal li l-kundizzjoni diġà prekarja tal-immigranti, refuġjati u persuni li qed ifittxu ażil marret għall-agħar, u saru aktar vulnerabbli għall-esplojtazzjoni u l-vjolenza.

“Din hi krudeltà. Nitlob lill-komunità internazzjonali. Jekk jogħġobkom! Isimgħu l-karba tagħhom! L-aħwa, aħna lkoll responsabbli”, insista l-Papa.

Gruppi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, bħal Doctors Without Borders sostenew li l-persuni fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tal-immigranti fil-Libja qed jinżammu f’kundizzjonijiet ħżiena u huma esposti għall-abbuż.