Appell imqanqal mill-Oppożizzjoni għall-ħarsien tad-demokrazija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fl-Aġġornament illejla fil-Parlament, ikkundanna lill-Gvern li “qed imur kontra l-prinċipji tad-demokrazija” filwaqt li appella lill-poplu biex ma jħallix dan iseħħ.
Akkuża wkoll lill-Gvern li jrid jibdel il-liġi dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mingħajr ma jagħti informazzjoni – b’hekk ma ssir ebda elezzjoni fil-ħames snin li ġejjin u min ġie elett għal 4 snin jibqa’ hemm għal 7 snin. Saħaq li d-demokrazija mhix ħela ta' flus, filwaqt li l-Gvern ta l-vot liż-żgħażagħ ta' 16-il sena imma qed ineħħilhom l-elezzjonijiet.
Busuttil ikkundanna lill-Gvern b’gideb fil-każ tal-paga ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi u qal li l-informazzjoni li ppubblika l-Prim Ministru, wara appell kontinwu mill-Oppożizzjoni, turi li l-Oppożizzjoni kellha raġun.
Akkużah b’nuqqas ta’ trasparenza fil-“privatizzazzjoni kontroversjali tal-Enemalta” u staqsa kif jista’ l-Parlament jaqdi r-rwol tiegħu li jagħrbel il-ħidma tal-Gvern jekk ma jingħatax aċċess għall-informazzjoni kollha biex jaqdi dmiru.
Dwar il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, Busuttil qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-liġi. Fittxet li tasal għal kunsens maż-żewġ partiti dwar finanzjament mill-istat iżda qal li issa l-Gvern biddel il-pożizzjoni tiegħu. Staqsa kif il-Partit Laburista jgawdi propjetà bħal Australia Hall mogħtija mill-Gvern, iżda l-pożizzjoni tiegħu issa hi kontra finanzjament mill-istat.
Ikkritika wkoll il-ħatra ta’ Wenzu Mintoff bħala Imħallef, għaliex qal li ħadd ma kien inħatar “mill-miskja politika partiġġjana u mill-mezzi tax-xandir u l-istampa ta’ partit politiku dritt għall-bank tal-ġudikatura”.
Saħaq ukoll li l-Prim Ministru qed juri intolleranza għall-kritika u qed jinfexx f’tgħajjir personali, inkluż fi stqarrijiet għall-istampa, “li mhux xieraq f’pajjiż ċivili”.
Qal li hu inkwetat għaliex dan kollu seħħ f'ġimgħa waħda biss filwaqt li appella għal diskussjoni serja u ċivili.

Reazzjoni tal-Gvern
B’reazzjoni għal kumment ta’ Dr Simon Busuttil, il-Gvern qal li dan kien mimli negattività u li għawweġ il-fatti biex jgħid li l-Prim Ministru ma qalx il-verità.
Temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa maqtugħ mir-realtà, u l-Gvern se jibqa’ ffukat fuq il-prijoritajiet tal-familji u negozji.