Appell ieħor ta’ Fearne dwar l-influwenza u l-coronavirus

Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tenna l-appell li għamel il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament biex din il-ħarifa kulħadd jitlaqqam għall-influwenza biex tonqos il-possibiltà li l-mewġa ta’ virus tal-Covid-19 titħallat mal-influwenza staġjonali.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari supplementari tad-deputat Laburista Jean Claude Micallef, Fearne qal li bħalissa f’Malta ma teżisti l-ebda pandemija tal-Covid-19 hekk kif għal darba oħra llum ma ġie rreġistrat l-ebda każ ġdid u l-każijiet attivi niżlu għal 11.

“Il-Gvern xtara 200,000 tilqima tal-influwenza staġjonali din is-sena u din se tingħata b’xejn lil kulħadd. Il-persuni vulnerabbli għandhom jieħdu t-tilqima, anki l-persuni li jgħixu ma’ dawk vulnerabbli. Nixtieq li kulħadd jieħu t-tilqima,” stqarr Fearne.

Intant, fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari ta’ Godfrey Farrugia, Fearne qal li m’hemm ebda evidenza li l-vaċċin tal-influwenza jnaqqas iċ-ċans li jiżviluppa l-Covid-19.