​Appell: Ibqa’ ġewwa!

Minħabba li l-kundizzjonijiet tat-temp qed jiggravaw, awtoritajiet u entitajiet oħra qed iħeġġu ill-pubbliku biex jibqa’ ġewwa u jevita inħawi ta’ livell baxx fil-Gżejjer Maltin.
Rappreżentanta mill-customer care ta' Transport Malta (TM) appellat biex dawk li m'għandhomx għalfejn joħorġu mid-dar, jibqgħu ġewwa. Spjegat li dan qed jgħiduh għax is-sigurtà tan-nies tkun prijorità.
Anke l-Pulizija qed tavża lis-sewwieqa biex jevitaw Triq Ġorġ Borġ Olivier fil-Mellieħa u nħawi oħra fejn qed jinġema' l-ilma.
Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal ma' Newsbook.com.mt li daħlulhom rapporti ta' għargħar u siġar imqaċċtin, li jistgħu jkunu ta' periklu għas-sewwieqa, speċjalment dawk bil-muturi. 
Min-naħa tagħha, il-paġna ta' Facebook, Malta Road Traffic Updates (MRTU) ħeġġet ukoll lis-sewwieqa biex joqogħdu attenti. 
Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) avża wkoll lill-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji biex ma jibqgħux mal-istands tagħhom li bħal issa jinsabu fuq il-kampus tal-Università bħala parti mill-attivitajiet marbutin ma’ Freshers’ Week.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija dwar ix-xita u r-ragħad li qed jolqtu lil Malta. Ir-riħ mil-Lvant ix-Xlokk se jkun qawwi u lokalment qawwi ħafna kultant. Din it-twissija tibqa' fis-seħħ sal-ħdax ta’ filgħaxija.