Appell għaż-żgħażagħ għas-sajf

Read in English.

Is-sajf beda u ħafna mill-istudenti bdew igawdu minn dawn il-vaganzi. Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm tixtieq tawgura vaganzi mill-isbaħ kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema tagħhom.

Fl-istess waqt is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm tieħu l-opportunità sabiex tappella kemm l-istudenti li għandhom ‘il fuq minn 17-il sena u lill-għalliema sabiex jingħaqdu u jmorru jagħtu d-demm bħala att ta’ solidarjetà mal-morda, fosthom tfal rikoverati fl-isptarijiet tal-gżejjer Maltin.

Dawk li jixtieq jwieġbu għal din is-sejħa huma ġentilment mitluba biex jirrikorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00 am sas-6:00 pm jew fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar it-Tlieta, 3 ta’ Lulju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.