Appell għat-tkomplija ta’ wiri ta’ ġenerożità mal-morda bil-kanċer

Il-maratona ta’ nhar il-Ħadd li għadda “Għinuna Ngħinukom” b’risq il-Malta Community Chest Fund għal darba oħra wriet il-ġenerożità tal-poplu tagħna. Iżda il-maratona wriet biċ-ċar ukoll b’kemm hawn nies li qed isofru l-piż tal-mard, fosthom dawk tal-kanċer. Bla dubju ta’ xejn dawn in-nies għandhom bżonn ta’ ħafna għajnuna, fosthom finanzjarja u psikoloġika, iżda mhux biss. Ta’ min ifakkar li dawn il-morda, spiss u b’mod ripetut jiġu bżonn trasfużjonijiet tad-demm tul il-kors tal-marda tagħhom, u għalhekk l-għajnuna bid-donazzjonijiet tad-demm għalihom tiswa mitqlu deheb.  

Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jkompli jappella għal iktar ġenerożità, din id-darba bl-għoti tad-demm li fil-jiem li ġejjin jista’ jsir:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 27 ta’ Settembru ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Safi. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 27 ta’ Settembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Noti importanti!

  • Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju. 

Dan it-tagħrif twassal minn National Blood Transfusion Service Malta.