Appell għar-rispett lejn ix-xogħol tal-ġurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) qal fi stqarrija li jħoss il-bżonn jiġbed l-attenzjoni tal-partiti politiċi dwar il-prassi stabbilita li kwalunkwe protest jew ilment dwar rappurtaġġ imxandar għandu l-ewwel jiġi deċiż mill-Awtorità tax-Xandir qabel isiru xi akkużi pubbliċi maħsuba biex jimminaw il-kredibiltà ġurnalistika.
L-IĠM qal li rċieva mingħand il-membru tiegħu il-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijeit tal-PBS Reno Bugeja wara Konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħamis li għadda.
L-Istitut spjega li mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ imressaq, li qed jilmenta minn “kampanja sistematika” kontra tiegħu, l-IĠM ifakkar li x-xandir pubbliku huwa suġġett mhux biss għal-liġi tal-Istampa iżda wkoll għal-liġi tax-Xandir, inkluż il-monitoraġġ tal-Awtorità tax-Xandir.
L-IĠM tenna li qabel isiru xi akkużi, kwalunkwe interpellant għandu qabelxejn ifittex ir-rimedji li tagħtih il-liġi, waqt li jirrispetta lill-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom. L-istqarrija ttemm tgħid li l-IĠM se jibqa’ kommess li jagħti sehmu biex il-ġurnaliżmu f’pajjiżna, mhux biss ikun ħieles, imma jservi bl-aħjar mod lill-pubbliku.