Appell għan-normalità minflok riċessjoni

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Immaniġjar tal-Kreditu (MACM) appellat għan-normalità minflok Malta tispiċċa f’riċessjoni. Qalet li tinsab inkwetata dwar is-sitwazzjoni f’Malta u wissiet li jekk titwal, kapaċi jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-investiment dirett barrani.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni fissret kif jekk ikun hawn problem ta’ nuqqas ta’ cash flow fl-ekonomija, in-negozji kapaċi jkollhom problema biex iħallsu l-pagi u għaldaqstant jekk il-problema tippersisti kapaċi jkun hemm min ikeċċi l-impjegati u tibda riċessjoni ekonomika.

L-Assoċjazzjoni appellat biex jittieħdu azzjonijiet immedjati biex Malta terġa’ lura għan-normalità biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi fuq in-negozji, il-kummerċ u s-soċjetà in ġenerali.

L-istqarrija ttemm b’awgurju biex dawk responsabbli jieħdu l-miżuri neċessarji fl-aħjar interess nazzjonali ‘l fuq mill-partiġjaniżmu u l-benefiċċji personali.

Din l-istqarrija saret fid-dawl li anke l-MCESD mistennija toħroġ bil-passi ta’ x’għandu jsir fis=sitwazzjoni politika preżenti.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-inċertezza politika f’Malta tort tal-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat wassal biex in-negozji jsofru b’inqas bejgħ qawwi.