Appell għall-poplu Irlandiż biex ma jaħżinx mediċini qabel Brexit

Id-Deputat Prim Ministru tal-Irlanda talab lill-poplu Irlandiż sabiex ma jaħżinx mediċini qabel ma l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Sostna li l-pajjiż għandu fih mediċini li kapaċi jkopru tul ta’ tmien ġimgħat filwaqt li kien qed jaħdem sabiex isib pajjiżi Ewropej oħrajn minn fejn jimporta l-mediċini tiegħu.

Minkejja li l-Irlanda għanda industrija farmaċewtika kbira, hi tistrieħ ħafna fuq l-Ingilterra għal numru ta’ mediċini. Numru ta’ dawn il-mediċini jaf ma jkunux approvati sabiex jintużaw fl-Unjoni Ewropea jekk Brexit isir kif suppost fis-29 ta’ Marzu. Simon Coveney kien qed jiġi intervistat fuq radju RTE.

Coveney kompla jgħid li l-Irlanda għanda ħażna ta’ mediċini għal madwar tmien u 12-il ġimgħa. Insista li l-ispiżjara u l-pubbliku ma għandhomx jaħżnu mediċini aktar milli suppost għax ikun hawn li jinħolqu problemi ta’ stokk. Intant, l-Ingilterra talbet lir-residenti tagħha sabiex jagħmlu l-istess ħaġa.

L-Ingilterra mistennija toħroġ mill-Unjoni Ewropea fis-29 ta’ Marzu, madanakollu s’issa ma hemm l-ebda ftehim għal dan.