Appell għall-għoti tad-demm fi żmien il-Milied

Miguela Xuereb

Read in English.

Huwa fatt li fil-gżejjer ċkejknin tagħna hawn mijiet ta’ għaqdiet, fosthom sportivi, kulturali, mużikali, filantropiċi, politiċi u reliġjużi. Ovvjament, kollha b’missjonijiet differenti, iżda b’għan komuni, dak li jagħmlu l-ġid fis-soċjetà li ngħixu fiha llum. Quddiem din ir-realtà sabiħa, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jixtieq jappella lill-kumitati amministrattivi ta’ dawn l-għaqdiet biex f’dan iż-żmien tas-sena, apparti li jiġbru flus għall-karità, jikkonsidraw ukoll li jgħinu billi jersqu flimkien mas-soċji biex jagħtu d-demm.

Ġest bħal dan, apparti li jagħti impressjoni isbaħ tal-għaqda konċernata, jagħti wkoll il-ħajja!

Għaldaqstant dawk li ser jagħmlu din l-għażla għandhom imorru fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum (7 ijiem fil-ġimgħa) mit-8:00am sas-6:00pm.

Jeżistu postijiet oħra fejn wieħed jista’ wkoll jagħti d-demm.

Dawn huma fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru mit-8:30am sas-1:00pm ser ikun fil-parti tax-xatt tal-Kalkara ta’ quddiem il-knisja parrokkjali, kif ukoll fil-Berġa tax-Xewkija nhar il-Ħadd 8 ta’ Diċembru se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.