Appell għall-għajnuna għall-vittmi taċ-ċiklun f’Bangladesh

Familji f'Bangladesh li kellhom iħallu djarhom minħabba ċ-ċiklun

Il-popolazzjoni f’Bangladesh li dan l-aħħar intlaqtet minn ċiklun, għandha bżonn aktar għajnuna umanitarja urġenti.

Dan l-appell intbagħat lill-aġenzija tal-aħbarijiet kattolika FIDES, mill-Kap tal-Catholic Relief Service (CRS) fil-Bangladesh. Is-CRS hi organiżazzjoni umanitarja Kattolika li tiddependi mill-Konferenza Episkopali Amerikana.  Bħalissa qed taħdem mal-Caritas Bangladesh biex tara l-ħsara li saret biċ-ċiklun u toffri għajnuna immedjata lil dawk milquta.

Fid-9 ta’ dan ix-xahar, ċiklun qawwi laqat iż-żoni mal-kosta ta’ Bangladesh u l-Indja, partikolarment il-Lvant ta’ Bengal u għamel ħafna ħsara barra li ħalla 34 persuna mejta.

Il-Catholic Relief Services u organiżazzjonijiet umanitarji oħra qed jgħinu fl-inħawi iżda jinħtieġu aktar għajnuna. “Ħafna nies għandhom bżonn għajnuna kbira għalkemm il-miżuri meħuda mill-gvern biex tkun limitata l-ħsara taw il-frott. Dan għaliex ħafna nies irnexxielhom jidħlu f’xelters li nbnew apposta f’każ ta’ evakwazzjoni u min hemm fihom mhux fil-periklu”, qal il-Kap tas-CRS.

2 miljuni bla dar

Il-maltempata għamlet ħsara f’eluf ta’ djar u qerdet madwar 500,000 ettaru ta’ prodotti agrikoli. Aktar minn żewġ miljun persuna kellhom jitilqu minn djarhom u jfittxu kenn.  Dawk milquta għandhom bżonn ikel, tined, faċilitajiet sanitarji u assistenza medika.  Hem mil-biża’ li x-xelters mhux biżżejjed biex in-nies jibqgħu fihom għal żmien twil.  F’dawn x-xelters m’hemmx faċilitajiet biex wieħed isajjar u n-nies qed jieklu biss ħobż u ikel ħafif.

Il-familji, l-aktar li jistgħu jibqgħu f’dawn ix-xelters taħt xita qalila għal jumejn oħra. In-nies li jippruvaw jirritornaw lejn djarhom qed isibuhom bi ħsarat kbar u se jdumu bla saqaf fuq rashom għal żmien twil. Il-Caritas Bangladesh qed tissuplixxi ilma għal ġurnata lin-nies fix-xelters, imma fil-jiem li ġejjin se jkun hemm bżonn ħafna aktar ilma.

 Is-CRS u l-Caritas qed jaħdmu flimkien biex jgħinu fl-evakwazzjonijiet. Mit-300 xelter li hemm jaħdmu, il-Caritas fetħet 40 minnhom filwaqt li s-CRS qed tagħmel l-aħjar li tista’ f’żoni remoti li hu diffiċli biex jintlaħqu. Bħalissa id-distretti ta’ Sathkhira u Khulna li jinsabu mal-kosta għadhom milquta minn xita u rjieħ qawwija.

L-ewwel rapport jgħidu li f’Khulna intilfu ħafna uċuħ tar-raba u d-djar ġarrbu ħsarat kbar. Żoni remote bħal Sathkhira, inqerdu.  Il-Gvern u l-voluntiera qed jagħmlu biċċa xogħol tajba.  Imma issa li ħafna nies ġew salvati trid issir ħidma kbira biex dawn ikunu megħjuna.