Il-Madonna ta’ Pinu bir-restawr tant bżonnjuż

Read in English.

Il-kwadru tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, magħruf bħala tal-Madonna Ta’ Pinu, li jmur lura 400 sena, u li hu meqjum fil-Bażilika tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, bħalissa għaddej minn proċess ta’ konservazzjoni u restawr. Il-pittura kienet ikkummissjonata minn Pinu Gauci u tpittret minn Amadeo Bartolomeo Perugino fl-1619 kif imniżżel b’mod ċar fir-rokna ta’ isfel tal-lemin tal-pittura.

Minħabba l-importanza storika u artistika tal-pittura, il-valur għoli tagħha bħala kwadru li jgawdi devozzjoni kbira u l-istat fqir ta’ preservazzjoni li tinsab fih attwalment, id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-Amministrazzjoni tas-Santwarju kkummissjonaw proġett ħolistiku ta’ konservazzjoni u restawr lid-ditta stabbilita Maltija Atelier del Restauro Ltd, immexxija mill-konservaturi Valentina Lupo, Maria Grazia Zenzani u Simon Dimech. Il-kumpanija ilha ssegwi l-istat ta’ konservazzjoni tal-pittura sa mill-2017, li f’Novembru 2018 inqalgħet minn postha għal eżaminazzjoni iktar mill-qrib. Wara dan, inħadem rapport dettaljat tal-istat ta’ konservazzjoni tal-pittura, li jinkludi analiżi bir-reqqa tal-istat ta’ konservazzjoni.

Ix-xogħlijiet bdew aktar kmieni dan ix-xahar u l-proċess interdixxiplinari li ġie propost għar-restawr jinkludi wkoll il-pariri esperti ta’ professjonisti oħra. Atelier del Restauro se tkun qed tikkollabora mal-laboratorji djanjostiċi xjentifiċi ta’ Heritage Malta biex tistudja b’mod xjentifiku l-materjal tal-kuluri oriġinali tal-pittura u t-tekniċi użati mill-artist Amadeo Perugino fil-pittura. Pariri esterni jinkludu wkoll dawk tal-istoriku tal-arti Dr Sandro Debono li se jkun qed jagħmel riċerka estensiva tal-istorja u l-istorjografija, l-ikonografija u l-influwenzi artistiċi ta’ din il-pittura devota, bl-għan li jitwessa’ l-għarfien li għandna ta’ dan il-kwadru.

Il-metodoloġija ta’ konservazzjoni u restawr tikkonsisti f’interventi skont l-etika u l-prinċipji attwali tal-konservazzjoni, u se tinkludi t-tindif u t-tneħħija tas-saff ta’ verniċ ossidizzat u ta’ ammont ta’ rtokki li saru fil-passat. Ser titneħħa wkoll it-tila li twaħħlet fuq wara fil-bidu tas-seklu għoxrin u ser jiġi kkonsolidat is-saff tal-kulur. Ser issir ukoll it-tiswija ta’ tiċrit, inkluża t-tiswija tat-toqob kollha fil-pittura kkawżati minn dehbijiet li żejnu l-pittura. Il-proċess tal-integrazzjoni tal-pittura ser isir bl-użu ta’ metodi riversibbli biss fil-postijiet fejn intilfu partijiet mill-pittura. Fl-aħħar nett, miżuri ta’ konservazzjoni se jiġu implimentati biex jipprevenu kull deterjorazzjoni ta’ din il-pittura tant għażiża u devota.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jgħin finanzjarjament b’risq l-ispejjeż tar-restawr tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu billi jibgħat ċekk indirizzat lir-Rettur, Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Triq Ta’ Pinu, l-Għarb GRB 1704, Għawdex. L-ismijiet tal-benefatturi kollha li jikkontribwixxu għal dan ir-restawr jitniżżlu fi ktieb apposta.