Appell għad-demm O-Positive

Is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm jappella lil dawk li għandhom id-demm tat-tip O positive biex imorru jagħtu d-demm.

Fi stqarrija jgħid li l-inċidenti li jseħħu jibdlu x-xenarju tar-riserva tad-demm fi ftit jiem, jekk mhux fi ftit sigħat.

Is-Servizz Nazzjonali qal li matul l-aħħar ġimgħa niżlet mhux ħażin ir-riserva tad-demm O-positive.

Appella lil kulmin iħossu f’saħħtu u jixtieq joffri l-id ta’ solidarjetà biex jagħti d-demm fil-jiem li ġejjin u jħajjar lil ħaddieħor ukoll.

Iċ-Ċentru ta’ Gwardamangia jiftaħ kuljum it-8 am sas-6 pm, filwaqt li ċ-ċentru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiftaħ mit-Tnejn sas-Sibt mit-8.30 am sal-11.30 am minbarra l-festi pubbliċi, kif ukoll kull Ħadd f’erba’ ġimgħat.

Nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru (festa pubblika) se ssir sessjoni żejda f’kumpless kummerċjali fir-Rabat Għawdex bejn it-8.30 am u s-1pm.