Awdjo: Appell ġdid mill-Prof. Charmaine Gauci

Read in English.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qed tappella mill-ġdid għall-kawtela filwaqt li saħqet li l-messaġġ koerenti għandu jkun li wieħed jevita attivitajiet tal-massa, jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jekk ikun hemm indikazzjoni ta’ sintomi wieħed iċempel mill-ewwel 111.

Waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, Prof. Gauci saħqet li “irridu nibqgħu naħdmu flimkien għax kulħadd għandu kontribut x’jagħmel. Huwa kruċjali li l-messaġġ  ikun wieħed koerenti u dejjem l-istess biex il-poplu jkun jaf is-sitwazzjoni kif inhi, jieħu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u josservahom”.

Insistiet li “l-istrateġija tibqa’ dik li nfittxu l-każijiet li possibilment ikunu marbuta ma’ każijiet li nsiru nafu bihom”. B’referenza għall-każ pożittiv li tħabbar ilbieraħ, fejn il-persuna attendiet il-party tal-‘hotel takeover’, Gauci qalet li bdew jinvestigaw dawk li kienu f’kuntatt viċin mal-persuna pożittiva u li dawn immedjatament tpoġġew fi kwarantina biex ma jkunx hemm kuntatt. Il-Professur Gauci ikkonfermat li s-sitt każi tal-aħħar 24 siegħa kienu marbuta mal-każ tal-bieraħ.

Appell għal dawk li marru l-party

Saħqet li dawk li marru għal dan il-party għandhom iwieġbu għall-appell u jmorru għat-testijiet. Fissret li filwaqt li m’hemmx lok għall-allarm, huwa importanti li jsiru t-testijiet. Hija qalet li kien hemm ħafna li marru jagħmlu t-testijiet, b’nies li attendew u anke l-ġenituri taż-żgħażagħ jistaqsu għall-għajnuna.

Irridu nevitaw il-gatherings

Spjegat li “filwaqt li konna wasalna fl-istadju li nirrilaxxaw uħud mill-miżuri, irridu nevitaw dawn il-gatherings li jġibu flimkien għadd kbir ta’ nies. “Dan jgħodd għall-kulħadd speċjalment għal dawk li huma f’riskju. Dawk għandhom jevitaw attivitajiet tal-massa u  nibqgħu nkunu kawti f’dak li nagħmlu biex nevitaw it-tixrid tal-Covid-19”, żiedet tappella.

Il-Professur Gauci spjegat li huwa importanti li nkomplu nimmonitorjaw is-sitwazzjoni u li kien għalhekk li l-ittestjar baqa’ għaddej. Fissret li s-sitwazzjoni tal-lum hija differenti għax għandek numru kbir ta nies, li ma nafux, u li allura rridu nagħmlu l-contact tracing u l-ittestjar.

Se jiġu introdotti miżuri?

Dwar jekk hemmx lok li jiġu introdotti miżuri hija spjegat li l-miżuri li jittieħdu jridu jkunu qed jindirizzaw l-ammont ta’ każi, kif ikunu qed jinfirxu u r-rata tat-trażmissjoni. “Għalhekk bqajna nappellaw biex jittieħdu l-miżuri ta’ mitigazzjoni”.

Temmet tgħid li l-obbligu li jintlibsu l-maskri fuq it-trasport pubbliku, jibqa’ u li dan huwa essenzjali biex ikun protett kulħadd.

Dwar dak li qed jiġri barra, Prof. Gauci qalet li qed tosserva u nitgħallmu dak li qed isir minn barra minn Malta biex jiġu kkontrollati sitwazzjonijiet, jekk u fejn ikun hemm bżonn.