Appell b’urġenza fil-Qorti minħabba s-saħħa tal-akkużat

Raġel bi problemi fil-kliewi talab lill-Qorti biex jingħata l-libertà proviżorja sakemm tinqata’ s-sentenza tal-appell. Dan minħabba l-kundizzjoni tiegħu u kif qed jgħid li qed jiġi ttrattat fil-ħabs.
F’April li għadda r-raġel ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ €15,000 wara li ammetta li ttraffika 1.5 kg kannabis. Huwa qabad il-vizzju tad-droga wara li beda juża l-kannabis biex itaffi mill-uġigħ tal-kundizzjoni tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif fil-ħabs mhux dejjem ingħata l-mediċini kif suppost, allegazzjoni li minn naħa tal-ħabs ma ġietx miċħuda.
Oriġinarjament, il-Qorti tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet biex jipprovdulu l-ikel li ordnawlu t-tobba. Dwar dan, il-maniġier korrettiv tal-ħabs Saviour Lia qal li jrid jiċċekkja mal-kollegi tiegħu biex ikun jista’ jwieġeb.
Il-każ se jkompli jinstema’ nhar il-Ġimgħa fil-preżenza ta’ esperti mediċi. 
Ritratt: Arkivji