APPELL: Bis-sogħla jew bid-deni? Ibqa’ d-dar

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fix-Xogħol (OHSA) qed tagħmel appell lil min iħaddem biex jinkoraġġixxi lill-ħaddiema biex jekk ikunu bid-deni jew ikollhom is-sogħla, jibqgħu d-dar. Dan l-appell sar qalb it-tħassib li ħakem il-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem dwar il-coronavirus.

L-OHSA qalet illi l-miżuri li għandhom jittieħdu huma l-istess bħall-miżuri li jittieħdu meta wieħed ikollu l-influwenza. Għalhekk dawk bid-deni, bis-sogħla, bi qtugħ ta’ nifs jew għajjiena għandhom jibqgħu d-dar sakemm tabib jgħidilhom li jistgħu jmorru għax-xogħol. Żiedet tgħid li l-proċeduri normali dwar is-sick leave għandhom jibqgħu fis-seħħ.

L-Awtorità wissiet fuq informazzjoni bla bażi dwar il-coronavirus, u avżat lill-ħaddiema biex jaġixxu skont l-informazzjoni li toħroġ ibbażata fuq il-fatti. Saħqet ukoll fuq l-iġjene personali, li sejħitilha l-iżjed għodda importanti fi żmien bħal dawn.

Ġew elenkati wkoll miżuri li wieħed għandu jieħu biex jiggarantixxi li jevita t-tixrid ta’ mard, maħruġin mis-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika.

  • Aħsel idejk ta’ sikwit bis-sapun u l-ilma, jew b’likwidu alkoħoliku u hand rub
  • Ibqa’ d-dar jekk tħossok ma tiflaħx; tmurx ix-xogħol jew l-iskola sakemm jgħaddilek
  • Iżżurx pazjenti l-isptar jekk int ma tiflaħx
  • Uża tissue biex tgħatti ħalqek u mnieħrek meta tisgħol u tagħtas; armi t-tissues użati mill-ewwel; tħallix tissues jiġru
  • Tisgħolx jew tagħtasx f’idejk, peress li jaf tikkontamina oġġetti jew nies li tmiss

L-OHSA enfasizzat ukoll li kull min iħaddem għandu jipprovdi:

  • Postijiet tax-xogħol b’ventilazzjoni u ċirkolazzjoni t’arja friska adekwata;
  • Jara li jillimita s-safar f’postijiet fejn hu magħruf li l-virus diġà jeżisti;
  • Li jikkonsulta mal-Awtoritajiet tas-Saħħa f’każ ta’ impjegati li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi.

“Għandhom jitneħħew it-toilets gender neutral biex jonqos ir-riskju ta’ infezzjonijiet” – PN

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) ħarġet stqarrija li fiha wkoll insistiet fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-prekawzjonijiet bażiċi u neċessarji kontra t-tixrid tal-coronavirus.

Is-SĦPN ħeġġet ukoll lill-Gvern sabiex:

  1. fl-iskejjel mill-primarja sal-Università jitneħħew it-toilets gender neutral sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet;
  2. jitwaħħlu fl-iskejjel u f’postijiet pubbliċi hand sanitizers;
  3. il-latrini pubbliċi jinżammu nodfa u jkun hemm is-sapun neċessarju;
  4. li tal-linja jkunu diżinfettati b’mod frekwenti iktar minn darba kuljum.

Żiedet tgħid li huwa fir-responsabbiltà tal-Gvern li jidentifika sptar alternattiv għal kull min ikun infettat bil-virus.