Appell biex tkun eliminata l-vjolenza kontra r-reliġjonijiet

Il-Knisja ta' San Sebastjan wasħda mit-tliet knejjes li sfaw attakki f'April li għadda fi Sri Lanka (AFP)

Nhar il-Ħamis li għadda kien ċelebrat għall-ewwel darba il-Jum Dinji li jfakkar il-Vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza bażata fuq Reliġjon jew twemmin.

Fit-28 ta’ Mejju li għdda, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti approvat Riżoluzzjoni biex fit-22 ta’ Awwissu ta’ kull sena jkun imfakkar dan il-jum.

F’messaġġ għal-okkażżjoni, s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres qal li f’dan il-jum irridu nġeddu l-appoġġ tagħna lill-vittmi ta’ vjolenza bażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin. Dan l-appoġġ irridu nuruh billi nagħmlu dak kollu possibbli biex inwaqqfu dawn l-attakki u nesiġu li dawk responsabbli għal dawn l-attakki jieħdu dak li ħaqqhom.

Ir-reliġjon taħt attakk

Gutters semma diversi eżempji ta’ attakki kontra r-reliġjonijiet. “Lhud inqatlu fis-sinagogi u fuq l-oqbra tagħhom tpinġiet is-swastika; Musulmani maqtula fil-Moskei u s-siti reliġjużi tagħhom spiċċaw vandalizzati; Insara nqatlu waqt li kienu qed jitolbu u l-knejjes tagħhom sfaw maħruqa”.

“Ħafna attakki bħal dawk li seħħew fi New Zealand, Sri Lanka u l-Istati Uniti kienu mmirati speċifikament għal postijiet ta’ talb. F’ħafna kunflitti madwar id-dinja, mis-Sirja sar Republika tal-Afrika Ċentrali, komunitajiet sħaħ sfaw attakki minħabba l-fidi u t-twemmin tagħhom”, qal is-Segretarju Ġenerali tan-NU.

Hu  qal li d-dinja trid taħdem biex teqred l-anti Semitiżmu, il-mibegħda kontra l-Musulmani u l-persekuzzjoni tal-insara u gruppi reliġjużi oħra u teqred ukoll kull forma ta’ razziżmu, xenofobia, diskriminazzjoni u tixwix għall-vjolenza.

Paċi flok mibegħda

Il-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti fil-messaġġ tiegħu għal dan il-Jum qal li r-reliġjonijiet ewlenin kollha jitkellmu dwar tolleranza u koeżistenza paċifika. “Għalhekk irridu nirreżistu u nwarrbu lil dawk li b’malizzja u ħażen jinvokaw ir-reliġjon u joħolqu ideat qarrieqa li jkabbru l-firda u l-mibegħda. Hu nsista li d-diversità ġġib is-saħħa u qatt ma tista tkun theddida”.

Guterres qal li l-aħjar mod biex negħlbu t-theddida tal-vjolenza bażata fuq ir-reliġjon u t-twemmin hi billi “ngħaqqdu l-vuċi tagħna għas-sewwa u niġġieldu l-messaġġi ta’ mibegħda b’messaġġi ta’ paċi, naċċettaw id-diversità u nipproteġu d-drittijiet umani”.

Hu appella biex bħala membri tal-familja umana, ilkoll nifhmu lil xulxin. “Ilkoll aħna responsabbli li nfittxu lil xulxin, inħarsu lil xulxin nirrispettaw id-differenzi u nippromwovu l-koeżistenza paċifika”.