Appell biex tiġi apprezzata aktar l-importanza tal-Mistoqsijiet Parlamentari

Dalgħodu l-Ispeaker Anġlu Farrugia indirizza l-parteċipanti f’seminar organizzat mill-FOICU għall-uffiċjali mill-Ministeri responsabbli għal talbiet fil-qafas tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u għal uffiċjali responsabbli mill-mistoqsijiet parlamentari.
F’diskors qasir, l-Ispeaker Farrugia qal li dan is-seminar għandu jservi sabiex il-parteċipanti japprezzaw aktar il-valur tal-mistoqsijiet parlamentari u l-importanza li bħala uffiċjali jfornu lill-Ministru kkonċernat bl-informazzjoni kollha relatata mal-mistoqsijet li jkunu qed jiġu mwieġba.
Farrugia qal li dan l-iskrutinju qiegħed ikun aktar viżibbli mindu s-seduti tal-Parlament qed ikunu mxandra wkoll fuq stazzjon televiżiv tal-Parlament. L-Ispeaker żied illi f’qasir żmien, is-servizz tat-televiżjoni parlamentari għandu wkoll ikun offrut free-to-air.