Appell biex Prof. Gauci terġa’ tibda tagħti aġġornament ta’ kuljum

Miguela Xuereb

Read in English.

Issa li l-każijiet tal-coronavirus reġgħu qed jiżdiedu b’mod drastiku, b’numru rekord ta’ każijiet illum, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN) qed jagħmel għadd ta’ appelli lill-awtoritajiet, fosthom li s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci terġa’ tibda tidher fuq it-televixin ta’ kuljum biex tagħti aġġornament fuq il-każijiet tal-coronavirus f’Malta.

Fi stqarrija ppubblikata ftit tal-minuti wara li tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm 106 każijiet ġodda, l-ewwel darba li l-każijiet qabżu l-100 f’ġurnata kemm ilha li bdiet il-pandemija, in-Netwerk għas-Soċjetà Ċivili qal li s-sitwazzjoni kurrenti mhix aċċettabbli.

Għaldaqstant huwa appella għal dawn il-bidliet:

  • Li Prof. Gauci terġa’ tidher fuq it-televixin kuljum sabiex tagħti informazzjoni preċiża; mingħajr l-aġġornamenti, il-pubbliku donnu mhux jieħu l-pandemija bis-serjetà qal in-Netwerk
  • Li l-Pulizija tibda tferrex gruppi ta’ nies miġburin fuq barra u toħroġ multi lil dawk li ma jimxux mar-regolamenti tat-tbegħid soċjali
  • Li jsir test tal-coronavirus lil kull min jasal Malta bl-ajru jew bil-baħar
  • Li l-awtoritajiet jgħidu ġo liema postijiet tax-xogħol ikun instab każ tal-coronavirus biex il-klijenti jmorru jagħmlu t-test
  • Li tiġi ċċekkjata t-temperatura tan-nies fil-postijiet pubbliċi kollha u postijiet privati miftuħin għall-pubbliku
  • Li fl-iskejjel ma jattendux l-istudenti kollha f’daqqa meta dawn jerġgħu jiftħu imma jkun hemm gruppi li jalternaw min jattendi l-iskola
  • Li jitnaqqas is-sillabu biex ix-xogħol jiġi kkoreġut elettronikament biss

Prof. Charmaine Gauci kienet tagħti aġġornament ta’ kuljum fil-bidu tal-pandemija, iżda mbagħad waqfet għalkollox meta l-każijiet naqsu f’Ġunju. Fi tmiem Lulju hija reġgħet bdiet l-aġġornamenti tagħha, iżda dawn bdew isiru kull nhar ta’ Ġimgħa minflok kuljum, u għadhom isiru hekk sal-lum.

Dwar l-iskejjel, in-Netwerk qal ukoll li jkun aħjar jekk l-edukazzjoni tat-tfal tieħu ritmu aktar kajman biex iżżomm mal-emerġenza kurrenti, milli titwaqqaf kompletament. In-Netwerk qal li ladarba tgħaddi l-pandemija, it-tfal ikollhom ċans ilaħħqu mat-tagħlim.

Illum il-UPE għamlet appell lill-Prim Ministru Robert Abela biex jerġa’ jikkunsidraha jekk jinfetħux l-iskejjel billi ladarba dawn jiftħu, il-każijiet se jkomplu jiżdiedu.

L-appell tal-UPE lill-PM
“Agħlqu l-iskejjel” – UPE

Taqbel li Prof. Gauci terġa’ tibda tagħti l-aġġornamenti ta’ kuljum?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq Newsbook.com.mt.