Appell biex Malta tkun ġusta ma’ dawk li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Platform of Human Rights Organisations in Malta, li tiġbor 29 organizzazzjoni, fakkret fil-ħidma li titwettaq mill-ħaddiema u mill-volontarji tagħha, li jaħdmu minn qalbhom biex joffru dinjità u umanità lil tant persuni.
Il-pjattaforma timla’ l-vojt fl-oqsma mediċi, finanzjarji, psikoloġiċi, soċjali, legali, amministrattivi, spiritwali u artistiċi fost aspetti oħra.
Qalet li hu grazzi għall-membri tagħha li Malta tgawdi livell għoli ta’ ħarsien għat-tfal, nisa, il-komunità LGBTI, persuni b’diżabilità jew bi problemi ta’ saħħa mentali, u aċċess għall-arti u l-kultura.
Madankollu, saħqet, ħafna mill-ħaddiema u l-membri tagħha jispiċċaw vittmi ta’ abbuż, theddid jew akkużi foloz u, flimkien mal-familji tagħhom, jispiċċaw taħt riskju u stress inutli meta jkunu qed jiddefendu b’mod leġittimu lil min hu dgħajjef.
Għalhekk, iċ-chairperson tal-pjattaforma, Roberta Lepre, irringrazzjathom waqt li awgurat Malta aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri.