Appell biex jiġu megħjuna s-siġar tat-tin

MGOZ: George Scerri

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana appellat lill-għaqdiet governattivi biex jgħinu biex jiġu megħluba l-problemi assoċjati mas-siġar tat-tin.

Caruana tkellmet waqt it-tnedija ta’ Festival tat-Tin fil-lokalità tax-Xagħra. Ġie spjegat li l-festival jiċċelebra l-kultivazzjoni, il-possibilitajiet kulinari u użi oħra ta’ din il-frotta unika, bl-għan li dawn il-ħiliet jibqgħu ħajjin.

Is-Sindku tax-Xagħra Joe Cordina qal li l-Kunsill ilu jorganizza din l-attività mill-2010 u kull darba jkun hemm innovazzjoni u elementi ġodda li qed jagħmlu din l-attività suċċess.

Fi stqarrija, il-kumitat organizzattiv qal li x-Xagħra għandha l-ikbar numru ta’ bdiewa li jikkultivaw it-tin. Ikkwotaw lil Agius de Soldanis meta qal li x-Xagħra hi meqjusa bħala art b’ħamrija fertili u sorsi tal-ilma tajbin.