Appell biex jieqaf “l-attakk tal-Gvern fuq l-ambjent”

Dalgħodu, 21 għaqda appellaw għal waqfien ta' dak li qed isejħu bħala l-attakk istituzzjonalizzat fuq l-ambjent.
Il-gruppi qalu li huwa inaċċettabli kif il-Gvern qed ibiddel il-liġijiet biex ikun hawn iktar żvilupp f’żoni ODZ.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Astrid Vella, mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar, l-għaqdiet sostnew li huwa inaċċettabli li l-Gvern irid jagħmel tibdil fil-pjan tal-iżvilupp u b’hekk jikkawża aktar qerda tal-ambjent.
Il-21 għaqda se jkunu qed jipparteċipaw fil-protesta li se ssir nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju.
L-għaqdiet saħqu fuq il-bżonn li żoni l-barra tal-iżvilupp jiġu protetti bil-kostituzzjoni. Saħqu li għandha tinħoloq sistema fejn biex proġett jinbena fuq żona ODZ, l-applikazzjoni għandha ġġib żewġ terzi tal-voti.
Astrid Vella qalet li dan l-isfreġju ambjentali qed iseħħ minħabba l-wegħdiet li għamel Joseph Muscat lill-ambjentalisti u l-iżviluppaturi.
Il-21 grupp li ħadu sehem fil-konferenza ta’ dalgħodu huma:
Flimkien għall-Ambjent Aħjar, Friends of the Earth, Moviment Graffiti, Din l-Art Ħelwa, Ramblers Association, il-Forum Nazzjonali għas-Sostenibilita’, il-Y4TE, Birdlife Malta, MOAM, KSU, is-Soċjeta’ tal-Istudenti tal-Filosofija, Nature Trust, Fondazzjoni Aditus, il-Ġiżwiti, Fondazzjoni Integra, Greenhouse Malta, l-OFD, Gender Liberation, ADZ Green Youth, il-Critical Institute u l-PHROM.