Appell biex iż-żgħażagħ ikunu attivi fis-soċjetà ċivili

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo appella biex iż-żgħażagħ ikunu attivi fis-soċjetà ċivili.

Meta kien qed jitkellem waqt żjara waqt live-in bi preparament għall-Parlament taż-żagħżagħ, Stefan Buontempo saħaq li l-vot ta’ 16-il sena huwa mezz kif iż-żgħażagħ tagħna jagħtu sehem importanti fit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li pajjiżna għandu bżonn iż-żgħażagħ biex ikomplu jieħdu sehem fis-soċjetà ċivili, billi jieħdu sehem f’għaqdiet non-governattivi, f’għaqdiet politiċi u anke fil-proċessi demokratiċi ta’ pajjiżna bħal ma’ huma l-elezzjonijiet ġenerali u dawk tal-Kunsilli Lokali. Huwa kompla jgħid li iż-żgħażagħ iridu jkomplu jwasslu l-ideat tagħhom u jaqsmuhom mal-Gvern u mal-entitajiet, u joħorġu b’inizjattivi għal ġid tas-soċjetà.

Il-Parlament taż-Żgħażagħ se jilħaq il-qofol tiegħu fid-19 ta’ Settembru li ġej meta l-parteċipanti jippreżentaw il-proposti u r-riżulozzjonijiet tagħhom. Fost it-temi magħżula għal din is-sena hemm l-attiviżmu taż-żgħażagħ, l-isport, ir-riforma fl-edukazzjoni, l-IVF, ix-xogħol prekarju u r-riforma tal-ġustizzja.