Appell biex in-nies ma jinjorawx sinjali ta’ attakk tal-qalb jew puplesija

Għadd ta’ speċjalisti għamlu appell sabiex jekk in-nies iħossu sintomi ta’ attakk tal-qalb jew puplesija ma jinjorawhomx.

Fi stqarrija, il-Malta Resuscitation Council, flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema tal-Emerġenza f’Malta, is-Soċjetà Maltija tal-Qalb u l-Primary Health Care, wissew illi dawn huma żewġ kundizzjonijiet li jistgħu jkunu fatali u li fihom, kull minuta tagħmel differenza.

Spjegaw li l-benefiċċju għall-pazjent jekk dak li jkun iċempel mal-ewwel sinjali ta’ puplesija jew attakk tal-qalb huwa akbar mill-biża’ ta’ riskju li dak li jkun jiġi infettat bil-coronavirus minn xi faċilità tas-saħħa. Ingħad li ċ-ċentri tas-saħħa, id-Dipartiment tal-Emerġenza u t-Taqsima tal-Kura Koronarja Kritika kollha tħarrġu biex jilqgħu kemm għall-coronavirus, kif ukoll għall-pazjenti b’xi ħaġa apparti l-coronavirus, b’mod sigur u ugwali.

Għaldaqstant, l-għaqdiet avżaw lin-nies biex jekk iħossu wġigħ fl-istonku f’daqqa jew ċertu toqol fl-istonku, għandhom jirrikorru għand tabib sabiex jaraw huwiex qed itihom attakk tal-qalb. Fir-rigward ta’ puplesija, in-nies għandhom joqogħdu attenti jekk iħossu ċerta dgħufija fil-ġogi, sensazzjoni stramba ta’ nuqqas ta’ simetrija fil-wiċċ, jew diffikultà biex jitkellmu normali.

F’każ ta’ emerġenza, dak li jkun għandu jċempel 112. F’każ ta’ dubju, tista’ tiġi kkuntattjata Primary Health Care fuq 21231231.