Appell biex il-Lussemburgu jerġa’ jidħol fil-Eurovision

Anne-Marie David, rebbieħa tal-Eurovision fl-1973

Wara li l-Olanda rebħu l-aħħar edizzjoni tal-Eurovision Song Contest permezz ta’ Duncan Laurence bil-kanzunetta Arcade, il-fans tal-Eurovision Song Contest fil-Lussemburgu, flimkien ma’ bosta artisti inkluż ir-rebbieħa tal-1973 Anne-Marie David, qed jagħmlu appell lill-istazzjon nazzjonali RTL biex is-sena d-dieħla jirritornaw f’din il-kompetizzjoni.

Il-Lussemburgo kien wieħed mis-seba’ pajjiżi li taw bidu għall-Eurovision Song Contest fl-1956 u sal-1993 kienu rebħu 5 mis-37 parteċipazzjoni tagħhom. L-ewwel rebħa tagħhom kienet fl-1961 permezz ta’ Jean-Claude Pascal b’Nous les amoureux. Fl-1965 kisbu t-tieni rebħa permezz ta’ France Gall b’Poupée de cire, poupée de son.

Imbagħad kellhom żewġ rebħiet konsekuttivi, l-ewwel fl-1972 b’Après toi interpretata minn Vicky Leandros u fl-1973 b’Tu te reconnaitras interpretata minn Anne-Marie David.

Corinne Hermès tat lil dan il-pajjiż il-ħames u l-aħħar rebħa tagħhom bil-kanzunetta Si la vie est cadeau.

Apparti dawn is-suċċessi, huma kellhom riżultati tajba. L-aħħar parteċipazzjoni tagħhom kienet fl-1993 permezz ta’ Modern Times bil-kanzuentta Donne-moi une chance.

Anne-Marie David ma’ Glen Vella f’lukanda fil-Furjana waqt żjara f’Malta fl-2011

Minkejja li ilhom 37 sena nieqsa mill-Eurovision, dan l-avveniment għadu segwit ferm fil-Lussemburgu, tant li jiġu organizzati bosta avvenimenti b’rabta mal-Eurovision bis-sehem ta’ bosta artisti.

Anne-Marie David, rebbieħa tal-edizzjoni tal-1973 hi fost dawk li ffirmat il-petizzjoni biex tappella lill-istazzjon RTL biex jerġa’ jidħol għal din il-kompetizzjoni iżda dan l-istazzjon jgħid li l-ispiża hija waħda kbira.

Iżda issa qed issir pressjoni akbar wara r-rebħa tal-Olanda biex il-Lussemburgu jerġa’ jidħol fil-kompetizzjoni u qed iħeġġuh biex jagħmlu r-ritorn tagħhom mill-edizzjoni li jmiss tal-2020, li timmarka l-65 sena minn mindu beda l-Eurovision Song Contest.