Appell biex il-ġid komuni jgawdi minnu kulħadd

Il-Papa Franġisku jindirizza lill-awtoritajit ċivili fil-Madagascar

Fl-ewwel diskors uffiċjali fil-Madagascar, li qed iżuru bħala t-tieni parti tal-vjaġġ tiegħu fi tliet pajjiżi Afrikani, il-Papa Franġisku qal lill-awtoritajiet tal-pajjiż u lis-soċjetà ċivili biex jippromwovu s-solidarjetà u jassiguraw li l-ġid tal-pajjiż jibbenefika minnu kulħadd b’mod indaqs.

Fl-ewwel diskors tiegħu fil-kapitali Antananarivo li sar fil-Palazz tal-President, Papa Franġisku wiegħed il-kollaborazzjoni tal-Knisja Kattolika ma’ reliġjonijiet oħra u s-setturi kollha tas-soċjetà ċivili.

Il-Papa li tkellem bit-Taljan u kellu min jittraduċi kliemu bil-lingwa tal-post, faħħar il-prinċipju magħruf bħala “fihavanana” kelma bil-lingwa Malagasy li tinsab fil-preambolu tal-Kostituzzjoni tal-pajjiż li tħeġġeġ biex ikun hemm spirtu ta’ għajnuna reċiproka u solidarjetà u li tpoġġi fuq quddiem l-importanza tal-familja, il-ħbiberija u r-rieda tajba bejn in-nies u man-natura.

Hu qal li l-fihavanana turi r-ruħ tal-poplu tal-Madagascar u appella biex dan l-ispirtu jkun rikonoxxut, stmat u apprezzat.

Politika

Meta tkellem dwar il-politika il-Papa qal li l-politiċi għandhom sfida li jużaw l-uffiċċju u r-responsabbiltajiet tagħhom, biex jipproteġu ċ-ċittadini, l-aktar lil dawk vulnerabbli. Fakkar li f’dan ir-rigward, il-Papa San Pawlu VI kien qal li l-iżvilupp ta’ pajjiż “ma għandux ikun ristretto biss għat-tkabbir ekonomiku”.

“Biex ikun awtentiku, l-iżvilupp irid ikun integrali u jgħin fl-iżvilupp ta’ kull persuna u tal-persuna sħiħa”, qal Papa Franġisku.

Korruzzjoni, inugwaljanza u esklużjoni

Għalhekk, il-Papa appella lil kulħadd biex “jiġġieled bis-saħħa u b’determinazzjoni kontra kull forma ta’ korruzzjoni u kontra l-ispekulazzjoni li tkabbar id-disugwaljanza. Appella biex ikunu miġġielda sitwazzjonijiet ta’ instabilità u esklużjoni li dejjem joħolqu kundizzjonijiet ta’ faqar inuman”.

Papa Franġisku appella lill-awtoritajiet ċivili tal-Madagascar biex jiggarantixxu li l-ġid jinqasam b’mod ġust u jassiguraw l-iżvilupp integrali ta’ kulħadd u partikolarment tal-fqar.