Appell biex ikunu protetti s-siti Kristjani f’Iżrael

L-Arċisqof ta’ Westminster, Vincent Nicholas, u dak ta’ Canterbury, Justin Welby, f’ittra li bagħtu lill-Ambaxxatur Iżraeljan f’Londra appellaw lill-Gvern ta’ Iżrael biex jipproteġi l-istatus quo tas-siti mqaddsa f’Ġerusalemm.
Iż-żewġ mexxejja reliġjużi esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar dak li qed iseħħ f’Ġerusalemm, fosthom l-impożizzjoni ta’ taxxi fuq istituzzjonijiet Insara li hi bla preċedent, punittiva u diskriminatorja, u l-biża’ tagħhom li din il-kwestjoni tista’ tagħmel ħsara kbira u fit-tul lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ komunitajiet.
It-taxxi mposti qed jheddu li jikkawżaw ħsara kbira għall-preżenza Kristjana f’Ġerusalemm, għall-familji Nsara, għall-istituzzjonijiet Insara inkluż skejjel u sptarijiet li jaqdu lil ħafna foqra irrispettivament mit-twemmin tagħhom.
“Fil-fehma tagħna, il-miżuri li qed ikunu imposti f’Ġerusalemm huma theddida ċara u serja għal l-istatus quo. Dan il-ksur ta’ ftehim storiku qed jirriskja li jfixkel il-prospetti għal koeżistenza paċifika bejn il-komunitajiet fi żmien meta t-tensjoni hi diġà għolja ħafna”, tgħid l-ittra lill-Ambaxxatur.
L-Arċisqfijiet impenjaw ruħhom li joffru talb għall-paċi f’Ġerusalemm u ħeġġew lill-Gvern Iżraeljan biex jindirizza din il-kriżi b’urġenza u b’mod immedjat jidħol fi djalogu mal-Knejjes lokali biex tinstab soluzzjoni.
L-ittra ntbagħtet wara li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, indaħal fil-kwestjoni u wassal għall-għeluq tal-Knisja tas-Santu Sepurklu. Wara li Netanyahu ndaħal fil-kwestjoni l-Knisja reġgħet infetħet b’sinjal ta’ rieda tajba.
It-tliet mexxejja reliġjużi f’Ġerusalemm: il-Patrijarka Theophilos III, Francesco Patton, Kustodju tal-Art Imqaddsa u Nourhan Manougian, il-Patrijarka Armen ta’ Ġerusalemm, akkużaw lil Iżrael b’kampanja sistematika kontra l-Knejjes u l-komunità Nisranija fl-Art Imqaddsa u bi ksur flagranti ta’ l-istatus quo.