Appell biex id-drama Maltija jkollha aktar messaġġi dwar is-saħħa sesswali

Id-Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard Dr Charmaine Gauci appellat biex fuq il-mezzi tax-xandir u komunikazzjoni soċjali jkun hemm aktar messaġġi li jippromwovu ħajja sesswali sana.

Dr Gauci għarfet bis-saħħa li l-programmi ta’ drama għandhom fuq il-poplu Malti u ħeġġet lill-production houses biex meta jkunu se jiktbu xi episodju, iżommu f’moħħhom is-saħħa li għandu x-xandir u b’hekk ikunu jistgħu jwasslu informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u s-sesswalità.

Sostniet li f’Malta ma tantx jiġu diskussi suġġetti ta’ natura sesswali, u dan jista’ jwassal biex ħafna nies, fosthom żgħażagħ, ikollhom informazzjoni skorretta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet proprju dwar il-ħajja sesswali f’Malta, Dr Gauci uriet silta mis-serje televiżiva Amerikana ‘Friends’ meta waħda mill-protagonisti qalet lill-għarus tagħha li qed jistennew tarbija u dan minkejja li użaw il-kontraċettivi.  Dr Gauci qalet li wara li ntwera dan l-episodju, fl-Istati Uniti qamet diskussjoni dwar il-kontraċettivi u s-sess.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Awtorità tax-Xandir Anthony Tabone qal li se jinsab iddiżappuntat li diversi rappreżentati ta’ production houses ma attendewx għal dan is-seminar.

B’risposta għal dan, Sandro Kitcher li jipproduċi programmi televiżivi, tkellem dwar kemm l-isibha diffiċli biex jiddiskuti suġġetti simili waranofsinhar.  Qal li “huwa inaċettabbli li stazzjon ma jħallikx tiddiskuti suġġett edukattiv bħal ma hu s-sess għax it-tfal ikunu għadhom kemm waslu mill-iskola”.

Biex il-mezzi tax-xandir ikunu jistgħu jwasslu aħjar messaġġ favur ħajja sesswali b'saħħitha, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, ippubblika ktieb b’informazzjoni utli li l-persuni midħla tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jwasslu informazzjoni korretta.

Sal-aħħar tas-sena se titnieda websajt b’informazzjoni dwar is-saħħa sesswali.

Dr Charmaine Gauci għamlitha ċara li b’ “saħħa sesswali” ma nifhmux biss tqala mhux mistennija jew inkella mard trasmess bis-sess. Fost l-oħrajn semmiet ukoll id-diversità sesswali, l-imħabba u l-valur li jingħata lis-sess waqt relazzjoni. “Saħħa sesswali ħażina tista’ twassal għal problemi psikoloġika”, saħqet Dr Gauci.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa Dr Godfrey Farrugia tkellem mil-esperjenza tiegħu bħala tabib tal-f amilja u sostna li ħafna huma l-Maltin li għadhom iqisu is-saħħa sesswali bħala taboo. Staqsa jekk l-għalliema u l-ġenituri humiex imħarġa biżżejjed biex jiddiskutu dan is-suġġett mat-tfal u l-istudenti tagħhom.