AppeIl għall-waqfien mill-ġlied fil-Marawi

Il-Konferenza Episkopali fil-Filippini qed tappella bil-ħerqa biex tieqaf il-gwerra fil-Marawi, territorju fil-pajjiż fejn bħalissa qed titwettaq ħafna vjolenza mill-grupp estremista tal-Maute li huma alleati tal-ISIS.
 
L-Isqfijiet sostnew li l-gwerra f’dan it-territorju m’hix waħda reliġjuża tant li kien hemm każi fejn Musulmani għenu lill-insara biex jaħarbu u jeħilsu minn mewt ċerta u stejjer oħra fejn insara għenu lill-Musulmani li ħarbu mit-territorju minħabba s-sigurta’ tagħhom.
 
Għal dawn ir-raġunijiet il-mexxejja reliġjużi ikkundannaw bil-qawwa kollha il-grupp estremista Maute, kif diġa’ għamlu l-mexxejja Islamiċi. Il-Maute ikkontradixxew l-Islam li suppost jemmnu fih meta ħatfu u żammew ostaġġi u ferew u qatlu persuni innoċenti.
 
L-Isqfijiet appellaw biex ikun hemm djalogu inter-reliġjuż biex ħadd ma jipprova  jesplojtja xi twemmin u jużah għal skopijiet terroristiċi u vjolenza estrema.
 
L-Arċisċof Socrates Villegas fi stqarrija dwar is-sitwazzjoni f’Marawi fakkar fl-Evanġelju ta’ San Ġwann fejn il-Mulej ordna biex “Inħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Għalhekk appella biex flimkien, Insara u Musulmani jinvestu r-riżorsi tagħhom biex jgħinu lill-eluf ta’ persuni li kellhom jaħarbu minn Marawi kif ukoll għal dawk li nqabdu fil-ġlied u dawk li nħatfu u qed jinżammu ostaġġi mit-terroristi.
 
Il-President tal-Konferenza Episkopali irringrazzja lil dawk ta’ diversi twemmin reliġjuż li taw għajnuna lin-nies li kellhom jaħarbu mill-Marawi u appella għal aktar għajnuna għal dawk li għadhom qed isofru.
 
“Marija, Omm Ġesu’ hi mfaħħra kemm fil-Koran kif ukoll mill-insara. Il-Kattoliċi jemmnu li 100 sena ilu, il-Madonna dehret lil tliet itfal fil-villaġġ ta’ Fatima u qaltilhom biex jitolbu. Għalhekk nitolbu lill-Madonna biex ikun hawn il-paċi u l-armonija bejn il-popli ta’ twemmin divers. Ejja nirrispettaw lil xulxin, inkunu ġusti ma’ xulxin, u nuru ħniena mal-oħrajn u ngħixu fil-paċi, l-armonija u rieda tajba”, ittemm l-istqarrija.