Apparti l-ħlas lil Captain Morgan, il-Gvern qed jibgħat l-ikel

captain-morgan

Il-Gvern qed jipprovdi għall-ikel lill-immigranti filwaqt li l-fuel u l-ekwipaġġ tad-dgħajjes tal-Captain Morgan huma mħallsin mill-kumpanija skont l-arranġament li l-Gvern għamel magħhom u li kien rappurtat li jiswa €3,000 kuljum għal kull dgħajjsa. Bħalissa l-Gvern qed jikri tliet dgħajjes mill-istess kumpanija u dawn huma Europa IIAtlantis u Bahari.

Dan joħroġ minn sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Mario Galea lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. Dan wara li l-PM ma kienx wieġeb għall-mistoqsija oriġinali.

Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern qiegħed jassigura li l-immigranti jkollhom il-provvisti meħtieġa iżda qal li l-ekwipaġġ tal-vapur kif ukoll il-fuel huma responsabbiltà tal-kumpanija.
Id-deċiżjoni kontraversjali tal-Gvern li jikri vapuri tat-turisti tal-Captain Morgan biex jakkomoda fihom immigranti irregolari f’ibħra internazzjonali mingħajr ma joffrilhom ażil qed tiswa’ lill-Gvern €3,000 kull ġurnata għal kull bastiment.