Appartamenti qrib l-isptarijiet f’Londra huma kruċjali – Martina Fenech

Martina Fenech

Martina Fenech, it-tfajla li rebħet il-qilla tal-kanċer tkellmet fuq Facebook, din id-darba sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li jkun hemm appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra hekk kif dawk li jinsabu f’Sutton huma wisq ‘il bogħod.

It-tfajla spjegat kif seba’ snin ilu kellha ssiefer għall-kura. Wara li spiċċat it-trattament tagħha ngħaqdet ma’ Puttinu Cares sabiex tgħin familji oħrajn li għaddejjin mill-istess sitwazzjoni tagħha. Qalet li minn hemm innutat li d-diffikultajiet li sabet hi, qed isibuhom bosta persuni li jfittxu l-kura barra mill-pajjiż.

Aqra: “L-ewwel birthday mingħajr ommi u mingħajr Jerome” – Martina

Spjegat kif it-teżi tagħha ddeċidiet li tagħmilha tiffoka fuq dan il-kunċett speċifiku, jiġifieri l-problemi li jaffaċċjaw dawn il-persuni meta jsiefru lejn ir-Renju Unit għat-trattament. Qalet li meta jkunu qed jirċievu t-trattament, il-familji  jingħataw akkommodazzjoni f’Sutton minn Puttinu Cares, madanakollu din tinsab madwar sagħtejn ‘il bogħod mill-isptarijiet fejn it-tfal jew il-qraba tagħhom ikunu qed jirċievu t-trattament. Ħafna jispiċċaw ikollhom jikru xi akkomodazzjoni viċin u jħallsu għaliha minn buthom sabiex ikunu eqreb tal-familji tagħhom.

Bħalissa Puttinu Cares qed jaħdem qatta bla ħabel sabiex jinvesti fi blokka appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra, ftit minuti ‘l bogħod minn bosta sptarijiet li jispeċjalizzaw fit-trattament mediku. Appellat sabiex il-pubbliku jkunġeneruż għax b’din il-ġenerożità tista’ sseħħ id-differenza.