Apparat ippreżentat lil Ta’ Pinu biex jgħin lill-pellegrini

Is-Santwarju Ta’ Pinu ġie mgħammar b’żewġ siġġijiet tar-roti u apparat ieħor, mogħti lilu mill-Ordni ta’ Malta, għall-użu mill-pellegrini morda jew anzjani waqt il-Ġublew tal-Ħniena.
Il-preżentazzjoni saret lir-Rettur Dun Gerard Buhagiar fi tmiem ċelebrazzjoni tal-Bieb tal-Ħniena li tmexxiet mill-Isqof t’Għawdex, Mario Grech.
F’kollaborazzjoni mal-Ħbieb tal-Morda u l-Anzjani f’Għawdex, ġiet ippreżentata wkoll sodda mill-istess Ordni ta’ Malta biex jiġu assistiti l-pellegrinaġġi lejn Ta’ Pinu.
Kull nhar t’Erbgħa u s-Sibt, il-voluntiera Għawdxin tal-Ordni ta’ Malta diġà qed jipprovdu trasport lill-pellegrini bi bżonnijiet speċjali lejn Ta’ Pinu.
Dawk li jeħtieġu trasport ipprovdut mill-Ordni, kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex, jistgħu jikkuntattjaw lis-Santwarju Ta’ Pinu jew lill-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Ordni fuq 79552211 jew omvg.masmom@gmail.com.
Ritratt: Max Xuereb