App tal-mowbajl sservi ta’ spija f’Hong Kong

Hekk kif eluf ta' żgħażagħ qed joħonqu t-toroq prinċipali ta’ Hong Kong, jipprotestaw favur id-demokrazija, applikazzjoni tal-mowbajl li ħarġet fl-aħħar jiem qed turi biċ-ċar kemm dan ir-reġjun mhux ħieles.
Jirriżulta li dik li ġiet iċċirkolata fuq WhatsApp bħala applikazzjoni li twassal informazzjoni dwar il-protesti, mhi xejn għajr applikazzjoni finta li sservi ta’ spija. Xogħolha hu li ssemma’ telefonati li jsiru minn dawk li jinstallawha fuq it-telefon ċellulari tagħhom u tisraq informazzjoni bħal passwords u dettalji ta’ kontijiet tal-bank.
Għadu mhux ċar kemm infirxet din l-applikazzjoni s’issa imma jidher li mill-inqas telefon minn kull 10 f’Hong Kong spiċċaw infettati.
Kollox jindika li wara dan l-ingann hemm il-Gvern Ċiniż, li madankollu ma ħa ebda responsabilità tagħha wara li ħarġet l-aħbar.