App għall-kanonizazzjoni taż-żewġ papiet

Il-Vatikan se joħroġ app bl-isem ta’ “Santo Subito” li tipprovdi informazzjoni dwar il-kanonizazzjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II u tal-Beatu Ġwanni XXIII.
L-app li taqbel kemm mal-Android u anke mal-IOS, se tipprovdi informazzjoni dwar il-ħajja ta’ dawn il-papiet, aħbarijiet dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-kanonizazzjoni u anke materjal relatat mal-attivitajiet liturġiċi li se jsiru.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li preżentat diversi inizjattivi bi preparazzjoni għall-kanonizazzjoni li se ssir fis-27 t’April.
Fost l-inizjattivi, il-Vatikan ħadem fuq pjattaforma diġitali bil-għan li l-pellegrini u dawk kollha interresati jkollhom aċċess għall-aħbarijiet u l-informazzjoni dwar iċ-ċerimonji li se jsiru. Barra minn hekk dawn l-inizjattivi se jinkludu numru ta’ riflessjonijiet fuq il-ħajja u t-tagħlim tal-Papiet.
Il-Website uffiċjali tal-kanonizazzjoni se tkun www.2papisanti.com li se tipprovdi kuntatti, sezzjoni għall-kmamar tal-aħbarijiet, informazzjoni, vidjows, ritratti u l-bijografija taż-żewġ Beati. Din se tkun bit-Taljan, l-Ingliż, il-Franċiz, l-Ispanjol u l-Polakk.
Il-konferenza tmexxiet mill-Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma, il-Kardinal Agostino Vallini, flimkien mad-direttur tas-sala stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi.