App għall-ġenituri biex jimmonitorjaw it-trasport tal-iskola – Muscat

Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li fl-iskejjel se tidħol sistema teknoloġika ta’ monitoring f’forma ta’ mobile app biex il-ġenituri jkunu jafu fiex waslu uliedhom meta jużaw it-trasport tal-iskola.

Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista fejn spjega li s-sistema se tkun qed tuża tip ta’ barcoding. Spjega li s-sistema kurrenti ta’ kif jaħdem it-trasport tal-iskejjel tal-Gvern mistennija tibqa’ fis-seħħ.

Spjega li min-naħa l-oħra, is-sistema tat-trasport għall-iskejjel tal-Knisja u dawk privati wkoll qed jaraw li tibqa’ l-istess ħalli ma jinħolqux problemi żejda għall-ġenituri. Muscat spjega li hemm sistemi differenti għal skejjel privati u tal-Knisja u l-ġenituri se jitħallew jibqgħu jużaw is-sistema tagħhom. Il-Gvern qed jiddiskuti sabiex il-ġenituri jħallsu l-iskejjel tat-trasport, imbagħad il-ġenituri jitħallsu lura mill-Gvern għas-servizz. Muscat qal li jaf li sistema tat-tip se tiftaħ lok ta’ abbuż min-naħa ta’ min qed jipprovdi s-servizz madanakollu se jkunu qed jiddiskutu sabiex il-prezzijiet tas-servizzi jibqgħu fl-istess ilma bħas-snin ta’ qabel.

“Malta tibqa’ pajjiż eżemplari fejn tidħol l-immigrazzjoni”

Meta mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fl-immigrazzjoni illegali fl-ibħra fil-Mediterran, Muscat sostna li Malta dejjem tibqa’ pajjiż eżemplari fejn tidħol l-immigrazzjoni.

Spjega li minkejja li jidher li qed ikun hawn iktar każijiet, fejn qabel kienu jsiru 100 vjaġġ, illum qed isiru 20. Sostna li minn għexieren ta’ każijiet il-midja tirrapporta waħdiet.

Semma l-każ ta’ Diciotti u insista li l-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini m’hu se jsolvi xejn billi joqgħod itella’ t-tweets. Spjega li meta wieħed irid isib soluzzjoni irid jiddiskuti u jirraġuna. Spjega li se jkun hemm mumenti fejn se jkollok tgħolli xi ftit leħnek u forsi ssabbat fuq il-mejda, imma billi “tuża tweets u tgħamilha tal-bully m’inti se tasal imkien.”

“L-addozzjoni mhux kapriċċ”

Waqt li fakkar fil-liġi li għaddiet li se tħalli aktar persuni jsiru ġenituri, sostna li l-addozzjoni mhux kapriċċ, anke jekk mara waħidha tixtieq taddotta t-tfal bħala single mother. Irrimarka li bosta huma l-koppji li ma jirnexxilhomx l-IVF u jirrikorru għall-addozzjoni bħala ċ-ċans li jaqtgħu xewqithom u jsiru ġenituri.